Jisimni Agostino Camilleri, imma ħafna jafuni bħala “Wistin tal-Istatwi”. Twelidt nhar it-2 ta’ Mejju 1885. Sa minn tfuliti bdejt nuri interess fl-arti u l-iskultura. Meta kelli għaxar snin dħalt is-Seminarju. Hemm tħarriġt aktar fis-sengħa li kelli ħajra għaliha. Wara s-Seminarju mort Malta u sirt aljev ta’ Ġużeppi Calì. Meta ra li kont tajjeb fil-pittura, ħajjarni nkompli l-istudji tiegħi Ruma, fl-iskola San Luca. Hemm domt tliet snin. Kont nattendi wkoll lezzjonijiet fil-kartapesta taħt Filippo Coppa.
Meta ġejt lura Malta, ftaħt il-ħanut tiegħi fir-Rabat, Għawdex. Billi dik il-ħabta kien hemm diġà pitturi stabbiliti, intfajt fuq xogħol tal-istatwi tal-kartapesta u l-ewwel statwa li għamilt kienet dik ta’ San Kaloġeru għall-knisja ta’ San Franġisk fir-Rabat stess. Minn dakinhar qatt ma ħarist lura. Bdejt nagħmel statwi waħda wara l-oħra tant li ħadt fama ta’ statwarju prominenti. L-istatwi li bdejt nagħmel ma kinux biss għall-knejjes ta’ Malta u Għawdex, imma anke għal komunitajiet ta’ Maltin emigranti fl-Awstralja, l-Istati Uniti u Tunes. L-istatwa li nqisha l-kapulavur tiegħi hi l-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesù li għamilt għall-Parroċċa tal-Fontana fl-1923. Statwa sabiħa oħra hi dik ta’ Kristu mejjet li għamilt għall-knisja tal-Mosta fl-1924. L-aħħar statwa li għamilt kienet It-Tradiment ta’ Ġuda għall-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Kelli disgħin sena.
Barra xogħol fl-istatwi kont ukoll responsabbli għal xogħol ta’ skultura fil-knejjes, bħall-iskultura fis-Santwarju Ta’ Pinu fejn naqqaxt mal-1800 disinn oriġinali. Hemm naqqaxt ukoll tnax-il statwa tal-ġebel li jirrappreżentaw it-tnax-il Appostlu.Bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħi fil-qasam tal-arti bħala statwarju u skultur, ġejt mogħni bit-titlu ta’ Kavallier.
Dan il-monument imwaqqaf f’ġieħi sar minn ibni, Alfred Camilleri Cauchi u nħadem fil-bronż fil-Fonderia d’Arte Massimo del Chiaro ta’ Pietrasanta. Ġie inawgurat mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Perit Clint Camilleri, nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Lulju, 2021.
This post is also available in: English