Jiena, Dun Nikol Cauchi, twelidt it-2 ta’ Marzu tal-1929, fir-raħal pittoresk tal-Għarb, fil-Punent tal-gżira Għawdxija. Irċevejt l-edukazzjoni tiegħi f’raħal twelidi, fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija. Imbagħad bdejt niffrekwenta l-Liċeo fir-Rabat, Għawdex.
Ġejt ordnat saċerdot nhar id-29 ta’ Marzu tal-1952 u wara l-ordinazzjoni komplejt nistudja fl-Università Gregoriana ta’ Ruma minn fejn ksib dottorat fil-Filosofija u liċenzjat fix-Xjenzi Soċjali. Meta ġejt lura Malta nħtart ir-raba’ kappillan tal-Fontana fis-27 ta’ Mejju 1956 u domt f’din il-ħatra sal-1963.
Ta’ età bikrija kont diġà involut fil-qasam letterarju tant li ktibt l-ewwel kitbiet letterarji tiegħi marbutin mal-Milied fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Meta mbagħad ilħaqt isqof, nhar il-Ħadd, 9 t’April tal-1967, komplejt il-ħidma tiegħi kemm fuq livell pastorali, spiritwali, imma wkoll dak letterarju.
L-ewwel snin tal-episkopat tiegħi kienu mmarkati bid-diversi tibdil li ħassejt li kellu jsir fid-Djoċesi t’Għawdex, fosthom bit-twaqqif ta’ bosta kummissjonijiet djoċesani, bħalma huma dawk tal-liturġija, il-katekeżi, il-promozzjoni umana u l-appostolat tal-lajċi li tant hu għal qalbi. Dan it-tibdil kien tant meħtieġ fid-dawl ta’ dak li kien għadu kif ippropona l-Konċilju Vatikan it-Tieni.
Il-ħtieġa li nikteb fuq diversi aspetti dejjem kienet ġo fija, fosthom kitbiet immirati lejn il-poplu biex inkompli nedukah, ngħallmu u nimmaturah fil-mixja spiritwali tiegħu. L-imħabba lejn il-patrijottiżmu qatt ma naqset fija, tant li ddedikajt uħud mix-xogħlijiet letterarji tiegħi lejn it-tema tal-patrijottiżmu, ta’ dak li jagħmilna nazzjon ħieles u indipendenti. Dan esprimejtu ħafna drabi fl-Ittri Pastorali li ktibt u ħriġt f’diversi okkażjonijiet bħal, ngħidu aħna, fi żmien l-Avvent jew ir-Randan, jew f’xi ċentinarju marbut ma’ xi kisba nazzjonali. Dejjem ħassejt li minn kull ċirkustanza nissilt imħabba lejn il-Malti u dak li jagħmilna Maltin.
Dan il-monument, maħdum minn Adonai Camilleri Cauchi fl-2016, jixhed il-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni tiegħi fil-qasam vast tal-letteratura u fit-tmexxija tad-Djoċesi ta’ Għawdex.
This post is also available in: English