Jisimni Joseph Vella u jien kompożitur u direttur orkestrali. Twelidt ir-Rabat, Għawdex, fid-9 ta’ Jannar, 1942. Wara l-primarja u s-sekondarja, studjajt biex insir għalliem f’St Michael College, Malta.
Studjajt il-mużika ma’ missieri u ta’ 12-il sena kont diġà qiegħed nikkomponi xi biċċa mużika li kont indoqq fuq il-vjolin ma’ missieri. Ta’ 18-il sena kkomponejt xogħol għall-orkestra li ndaqq fit-Teatru Manoel fil-Belt. Dan tani l-fama ta’ kompożitur. Komplejt l-istudji tiegħi fil-mużika u fl-1967 sirt Fellow of the London College of Music. Iggradwajt ukoll mill-University of Durham u studjajt il-kompożizzjoni u d-direzzjoni orkestrali fl-Italja.
Fix-xogħlijiet tiegħi missejt diversi stili, kollha b’xeħta personali influwenzata mill-moviment neo-klassiku tas-Seklu 20. Il-kompożizzjonijiet tiegħi mhumiex ta’ xeħta nazzjonali, għalkemm għandhom influwenza Mediterranja. Dawn ix-xogħlijiet indaqqu f’ħafna pajjiżi Ewropej u madwar id-dinja.
Bħala surmast direttur, kelli ħafna stediniet biex nidderieġi orkestri internazzjonali famużi. Kemm domt assoċjat mas-Soċjetà Korali ta’ Malta, introduċejt f’Malta għadd ta’ xogħlijiet korali magħrufa minn repertorji tradizzjonali u kontemporanji.
Mill-1970 kont, għal erbgħin sena sħaħ, is-surmast direttur tat-Teatru Astra f’Għawdex fejn idderiġet b’suċċess ħafna opri famużi, fosthom Rigoletto, Aida u Nabucco. Kont ukoll surmast tal-Banda La Stella u tal-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat ta’ Malta. Kelli l-unur li nkun ukoll l-ewwel direttur mużikali residenti tal-Orkestra Nazzjonali. Barra dawn kont id-Direttur Artistiku tal-Victoria International Arts Festival li jinżamm kull sena fil-Bażilika ta’ San Ġorġ Martri. Dan hu festival mużikali ta’ musica da camera li jseħħ bejn Ġunju u Lulju. Kont ukoll id-Direttur Artistiku ta’ Mediterranea, festa ta’ mużika Mediterranja organizzata kull sena f’Ottubru mis-Soċjetà Filarmonika La Stella t’Għawdex. Fl-1994 ġejt maħtur Associate Professor of Music fl-Università ta’ Malta.
Dan il-bust li jikkommemora ħidmieti, xogħol l-artist Joseph Scerri u maħdum fil-bronż minn Joe Chetcuti, ġie inawgurat mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Dr. Justyne Caruana, nhar id-9 ta’ Marzu, 2019.
Aktar qari
This post is also available in: English