Skip to main content

Audio Audio

Ġorġ Pisani

Jisimni Ġorġ Pisani u twelidt ir-Rabat, Għawdex, nhar is-6 ta’ Mejju, 1909. Irċevejt l-ewwel edukazzjoni tiegħi fl-iskola primarja tar-Rabat u wara fil-Liċeo t’Għawdex. Meta kont għadni żagħżugħ, ħassejt li kelli l-vokazzjoni reliġjuża u dħalt mal-Patrijiet Franġiskani. Studjajt il-Letteratura Klassika u t-Teoloġija.

Meta tlaqt mill-kunvent, qbadt il-karriera ta’ għalliem u għent lil Emanuel B. Vella jħejji sensiela ta’ kotba għat-tagħlim tal-Malti għat-tfal bl-isem Ġabra ta’ Ward. Fl-1935, sirt l-ewwel għalliem tal-Malti fil-Liċeo t’Għawdex u introduċejt it-tagħlim tal-Malti fis-Seminarju t’Għawdex.

Imbagħad ġiet it-Tieni Gwerra Dinjija.  Fl-1940 bdejt naħdem bħala traduttur u, wara, bħala editur tal-Information Service Bulletin fl-Uffiċċju tal-Informazzjoni fil-Belt. Fl-1942, fl-eqqel tal-attakki mill-għadu, jien kont Għawdex bħala Assistent Uffiċjal tal-Informazzjoni. Ħdimt kemm flaħt, bl-għajnuna tal-Isqof Mikiel Gonzi, biex inħajjar lill-bdiewa Għawdxin jagħtu  mill-qmuħ u l-ġwież tagħhom biex jittaffa l-ġuħ li kien qed jaħkem il-gżejjer Maltin minħabba l-assedju li kienet qed iġġarrab Malta.

L-aktar xogħol li kien għal qalbi kien fil-qasam tal-Malti. Kelli sehem mhux ħażin fit-tixrid u t-tagħlim tal-Malti fi żmien meta lsien pajjiżna kien meqjus bħala l-lingwa tal-kċina. Ktibt għadd sabiħ ta’ drammi, rumanzi, saġġi, leġġendi u kitbiet oħra ta’ proża. Biss aktar bqajt magħruf bħala poeta. Tul ħajti ktibt għadd sabiħ ta’ poeżiji li ppubblikajt f’ħames antoloġiji, li l-aktar waħda magħrufa hi L-Għid taż-Żgħożija.  Bil-kitba tiegħi bil-Malti ridt, l-ewwel nett, nipprovdi qari li jinftiehem minn ħuti l-Maltin u, it-tieni, nuri s-sbuħija tal-Ilsien Malti. Għalhekk, sa mill-1935, kont parti mill-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. Kont ukoll ko-fundatur tax-Xirka tal-Ilsien Malti li twaqqfet fl-1939. Din l-imħabba lejn art twelidna u l-ilsien tagħna dehret sew fl-antoloġija L-Għid taż-Żgħożija li fiha għannejt dwar l-istorja ta’ dawn il-gżejjer.

Nista’ ngħid li ħidmieti tat il-frott mixtieq u dan il-monument li twaqqaf fl-2001, xogħol l-iskultur Għawdxi Alfred Camilleri Cauchi, jixhed dan għax sar bil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-poplu Għawdxi.

 

Ġorġ Pisani (1909-1999) – Patriot, Educator, Author and Poet – One Hundred Years from his Birth

Ġorġ Pisani (1909-1999) – Patriot, Educator, Author and Poet – One Hundred Years from his Birth
minn Paul G. Pisani

Aqra l-Artikolu

 

This post is also available in: English

Monument Location Ġorġ Pisani Monument Location

Triq Taħt Putirjal, Ir-Rabat Għawdex, Malta

Video Video

Skip to content