Jisimni Antonio Cremona, imma fost il-Maltin jien aktar magħruf bħala “Is-Sur Nin”. Twelidt ir-Rabat, Għawdex, fis-27 ta’ Mejju 1880. Meta miet missieri, mort ngħix Tunes maz-ziju. Irċevejt l-ewwel edukazzjoni tiegħi fl-iskola tal-Christian Brothers u wara f’St. Charles College. Fl-1898 ġejt lura Malta u komplejt l-istudji tiegħi f’Għawdex u fis-Seminarju ta’ Malta, fejn iltqajt mal-poeta Dun Karm Psaila. Fl-1900 dħalt skrivan mal-gvern u fl-1904 lħaqt spettur tas-sanità, wara kors fl-Ashton School of Hygiene f’Liverpool.
Fl-1928 sirt l-editur responsabbli mit-traduzzjonijiet kollha tal-pubblikazzjonijiet tal-gvern. Kont ukoll ngħallem il-Malti fil-klassijiet ta’ filgħaxija u fl-1936 bdejt ngħallmu fil-Liċeo. F’dan iż-żmien servejt bħala eżaminatur tal-Malti fl-Università ta’ Malta.
Fl-1920, flimkien ma’ Ġuże Muscat Azzopardi, Dun Karm u oħrajn, waqqafna l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (illum l-Akkademja tal-Malti) u kont il-Viċi President tagħha sal-aħħar ta’ ħajti. Kont ukoll l-editur ta’ Il-Malti, ir-rivista’ tal-Għaqda. Tista’ tgħid li ddedikajt ħajti kollha għall-promozzjoni tal-kultura Maltija, partikularment fl-istudju xjentifiku tal-ilsien Malti. Interessajt ruħi fil-qasam tal-filoloġija, il-grammatika, il-folklor u l-istorja ta’ Malta. Imma l-akbar kontribut tiegħi lill-Ilsien Malti kien il-ħolqien tas-sistema ortografika tiegħu li biha l-Malti seta’ jinkiteb bl-istess mod minn kulħadd. Din is-sistema spjegajtha fil-ktieb Tagħrif fuq il-Kitba Maltija li ġie stampat l-ewwel darba fl-1924. L-interess tiegħi fl-Ilsien Malti jidher sewwa fis-saġġ X’inhu l-Malti Safi tal-1925. Barra x-xogħol fil-qasam lingwistiku, ippubblikajt ukoll għadd ta’ poeżiji miġbura fi tliet antoloġiji, id-dramm Il-Fidwa ta’ Bdiewa u l-bijografija Mikiel Anton Vassalli u Żminijietu.
Għal ħidmieti fil-qasam tal-Ilsien Malti ġejt onorat b’diversi unuri u fl-1960 l-Universita Rjali ta’ Malta onoratni b’Dottorat fil-Letteratura (Honoris Causa) għall-kontribuzzjoni tiegħi fl-isfera tal-letteratura, il-grammatika u x-xjenza tal-ilsien Malti.
Dan il-monument imwaqqaf f’ġieħi sar mill-artist Għawdxi Alfred Camilleri Cauchi, fuq inizjattiva tal-għalliema u l-istudenti tal-Liceo t’Għawdex. Inkixef nhar il-25 ta’ Mejju 1973 mill-Ministru tal-Edukazzjoni l-Onor. Agatha Barbara.
This post is also available in: English