Jisimi Vincenzo Caruana Spiteri. Twelidt Ħal Luqa, Malta, nhar l-4 ta’ Mejju, 1896. Wara l-edukazzjoni primarja u dik sekondarja, qgħadt għall-eżami għal għalliem u ġejt l-ewwel. Komplejt l-istudji tiegħi biex insir surmast tal-iskola. Inħtart surmast tal-iskola ta’ Sannat f’Ottubru tal-1921 u bdejt noqgħod f’dan ir-raħal. Kemm l-għalliema u kemm l-istudenti kienu jirrispettawni u kont ngħinhom kemm nista’. Il-kontribut tiegħi lil dan ir-raħal ma kienx biss bħala edukatur imma wkoll bħala mużiċista.
Il-mużika kienet l-imħabba ta’ ħajti. L-ewwel edukazzjoni mużikali rċevejtha mill-Banda San Andrea ta’ Ħal Luqa. Komplejt nistudja u wara diversi eżamijiet inħtart maestro di cappella ta’ numru ta’ knejjes f’Malta. Meta ġejt Għawdex kont indoqq f’diversi knejjes u anke mal-Banda Leone u l-Banda La Stella, fejn sirt ħabib tal-Mro. Giuseppe Giardini Vella.
Għall-parroċċa Ta’ Sannat ktibt diversi xogħlijiet mużikali, imma l-aqwa biċċa kienet l-antifona Veni Sponsa Christi li ndaqqet l-ewwel darba fl-4 ta’ Lulju, 1926. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet iddedikati esklussivament lill-Parroċċa Santa Margerita jinsabu fl-arkivju tal-knisja. Barra minn hekk, kont indoqq l-orgni tal-knisja kull nhar ta’ Ħadd fil-Quddiesa Kantata, fil-funerali u waqt ċelebrazzjonijiet reliġjużi. Bdejt kor tat-tfajliet biex ikantaw l-Innu lil Santa Margerita fil-festa tar-raħal u għallimt il-mużika lil numru ta’ żgħażagħ li wara daqqew ma’ baned Għawdxin. Kelli sehem ukoll fl-għażla tal-qniepen ġodda li kienu ġew ordnati għall-knisja. Mill-1927 ’il quddiem, fuq insistenza tal-arċipriet, ħadt f’idejja l-attivitajiet mużikali kollha marbuta mal-festa tar-raħal. Sal-lum, il-mużika tiegħi għadha tindaqq b’mod regolari fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ matul il-festa ta’ Santa Margerita.
Dan il-monument mwaqqaf b’tifkira tiegħi sar mill-iskultur Alfred Camilleri Cauchi fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat u nkixef mill-President ta’ Malta, Dr Guido de Marco, nhar it-23 ta’ Frar, 2003.
Ara aktar informazzjoni (Artiklu bl-Ingliż)
This post is also available in: English