Kontra kif kienu jinbnew l-imtieħen fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-mitħna tax-Xewkija ma nbnietx fuq xi għolja biex iwiżinha r-riħ, imma f’medda ċatta kif jibda r-raħal tax-Xewkija. Din il-mitħna kienet it-tieni waħda li nbniet f’Għawdex fi żmien il-Kavallieri. Inmbiet fl-1710 taħt it-tmexxija tal-Gran Mastru Raymundo Perellos (1697-1720).
Il-mitħna tax-Xewkija hija l-eqdem waħda eżistenti f’Għawdex. L-imtieħen l-oħra f’Għawdex inbnew wara, u biċċa minnhom taħt l-Ingliżi. Din il-mitħna damet taħdem mill-1710 sal-1886.
Il-mitħna tax-Xewkija għandha forma ottangolari, jiġifieri bi tmien ponot. Inbniet tħares lejn l-irjieħ ewlenin bil-ħitanm tagħha jħarsu lejn it-Tramuntana, in-Nofsinhar, il-Punent, il-Lvant, il-Lbiċ, ix-Xlokk, u l-Grigal.
Din il-mitħna reġgħet ingħatat il-glorja tagħha fl-2021 meta tlesta restawr estensiv mill-Ministeru għal Għawdex bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej. L-inawgurazzjoni saret fid-29 ta’ Jannar 2021. Ir-restawr sar minn nies professjonali, kemm fuq ġewwa tagħha kif ukoll fuq barra. Inbnew faċilitajiet sanitarji u twaqqa’ bini li oriġinarjament ma kinex jeżisti fl-1700. U nfetħet bħal pjazza żgħira għall-attivitajiet folkloristiċi.