Jisimni Franġisku Saverju Mercieca, imma kulħadd jafni bħala Frenċ tal-Għarb. Twelidt l-Għarb nhar it-3 ta’ Diċembru, 1892. Ħdimt fir-raba’ sa minn ċkuniti billi missieri kellu bżonni fl-għelieqi. Għalhekk ħallejt l-iskola ta’ età żgħira.
Ħajti qattajtha naħdem ir-raba’ imma xħin kont nerġa’ lura d-dar, kont insib ħafna nies jistennewni. Kienu jfittxuni għall-pariri u jitolbuni nitlob għalihom lill-Madonna ta’ Pinu. Kelli tagħrif ġej mill-qedem dwar ħxejjex mediċinali u b’dan it-tagħrif, flimkien mat-talb u l-fidi tiegħi fil-Madonna, kont ngħin biex dak li jkun ifiq minn dak li kien ibati minnu. Minħabba f’hekk saru jafu bija nies f’Malta kif ukoll barra l-pajjiż.
Jien qatt ma studjajt il-mediċina u qatt ma ħdimt f’ambjent mediku. Madankollu ħafna kienu jżommuni bħala wieħed li jfejjaq il-ġisem u r-ruħ. Minħabba f’hekk ġejt akkużat li kont qiegħed nipprattika ta’ tabib mingħajr permess. Għal xi żmien ġejt miżmum milli nkompli nagħti dawn il-pariri. Imma n-nies xorta baqgħu jfittxuni. Eventwalment, is-sitwazzjoni tjiebet u jien stajt nerġa’ nagħti il-pariri tiegħi. Tas-servizzi tiegħi, jien qatt ma ħadt flus. Min ried jagħti xi ħaġa kont ngħidlu biex jgħaddiha lis-Santwarju ta’ Pinu.
Kont devot kbir tal-Madonna ta’ Pinu u tal-Ewkaristija Mqaddsa. Xewqa kbira li kelli kienet li fuq l-għolja ta’ Għammar, faċċata tas-Santwarju ta’ Pinu jkun hemm statwi tal-Via Sagra bħalma hemm Lourdes. Din ix-xewqa seħħet u llum ħafna pellegrini jżuru din il-Via Sagra, l-aktar fir-Randan.
Dan il-monument li jfakkar ħidmieti hu xogħol l-artist Alfred Camilleri Cauchi u nħadem fil-bronż minn Fratelli Bonvicini ta’ Verona. Kien inawgurat mill-President ta’ Malta Guido de Marco fid-29 t’Awwissu, 2003.
Video
This post is also available in: English