Jisimni Laurent Ropà. Minkejja li ismi jinstema’ Franċiż, jiena twelidt ix-Xagħra fil-Milied tal-1891 u ismi proprju kien Lorenzo Rapa. Il-familja emigrat lejn l-Alġerija meta kelli biss sentejn u qatt m’erġajt ġejt lura f’pajjiżi. Bdejt nattendi l-iskola ta’ sitt snin. L-għalliem tiegħi ħeġġiġni nkompli nistudja u għaddejt għall- École Normal ta’ Constantine.
Fl-1913, meta kelli tnejn u għoxrin sena, sirt ċittadin Franċiż. Sena wara fa qqgħet il-Gwerra l-Kbira u jien servejt bħal sottotenent fuq il-front fi Franza. Ġejt ferut darbtejn u ngħatajt midalji għall-qlubija li wrejt. Meta ntemmet il-gwerra, sirt għalliem u mort ngħix f’Piacé, fil-Majjistral ta’ Franza. Dont ngħallem fl-iskola ta’ Piacé għal 21 sena, meta rtirajt bħala surmast.
Minkejja li kont emigrant, lil art twelidi ma nsejthiex u kont inħobb ħafna l-ilsien Malti. Sa minn ċkuniti kont inħobb il-letteratura. Matul ħajti ktibt għadd sabiħ ta’ poeżiji li jien ippubblikajt fi tliet volumi. Ktibt ukoll tliet rumanzi bil-Franċiż li fihom iddeskrivejt it-tbatija tal-emigranti Maltin fl-Alġerija.
Fis-snin tletin sirt l-editur tar-rivista Melita li fiha ppubblikajt poeżiji Maltin maqluba għall-Franċiż, u fl-1937 ippubblikajt l-antoloġija Poetes Maltais. Kont jien li, f’Novembru 1935 sejjaħt lil Dun Karm Psaila “il-poeta nazzjonli”. Dan kien f’artiklu tiegħi bl-isem “Malta et sa litterature” fir-rivista La Grande Revue, stampata f’Tuneż. Fi Frar tal-1939 qlibt għall-Franċiż il-poema Il-Jien u Lil Hinn Minnu, il-poema awtobijografika ta’ Dun Karm. Kont inżomm kuntatt ma’ ħafna kittieba u studjużi tal-Malti u sirt ħabib kbir ta’ Dun Karm.
Bis-saħħa tiegħi xogħlijiet letterarji Maltin ġibdu għall-ewwel darba l-attenzjoni ta’akkademiċi barranin. Permezz tal-isforzi tiegħi, l-aktar bl-antoloġija Poetes Maltais, il-letteratura Maltija bdiet tieħu l-għarfien mistħoqq fiċ-ċrieki letterarji Ewropej.
Dan il-monument f’ġieħi, xogħol l-iskultur Wistin Camilleri, twaqqaf f’April tal-1975 fuq inizjattiva ta’ Pawlu Mizzi tal-Klabb Kotba Maltin b’kollaborazzjoni tad-Dipartimenti tal-Malti u tal-Franċiż tal-Università Rjali ta’ Malta.
This post is also available in: English