Jisimni Saver Cassar. Twelidt Għajnsielem, Għawdex, fid-29 ta’ Diċembru, 1746. F’żgħożiti ġietni l-vokazzjoni għas-saċerdozju u bagħtuni nistudja fl-Università La Sapjenza f’Ruma. Minn hemmhekk iggradwajt b’dottorat fit-Teoloġija. Ġejt ordnat saċerdot f’Ruma stess fit-30 ta’ Marzu, 1771.
Meta ġejt lura Malta, il-Papa Klement XIV ħatarni arċipriet tal-Matriċi t’Għawdex u kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri fir-Rabat. Dan seħħ fl-20 t’April, 1773, meta kien għad għandi sitta u għoxrin sena. Sentejn wara nħtart ukoll Provigarju għal Għawdex, rappreżentant tal-Isqof.
Meta, f’Ġunju tal-1798, it-truppi Franċiżi ħakmu lil Għawdex, magħna l-Għawdxin imxew ħażin ħafna tant li anke serqu mill-knejjes tagħna. L-Għawdxin ma ridux jibqgħu taħt il-ħakma tagħhom u malajr iffurmajna kumitat, immexxi minni, biex naħbtu għalihom. Attakkajniehom u ħadniehom għall-għarrieda. Is-suldati Franċiżi ngħalqu ġewwa l-Gran Kastell, f’Torri Garzes u fil-Forti Chambray. Aħna ma ħallejnihomx joħorġu. L-assedju mexxejtu minn fuq Gelmus biex ikolli l-Gran Kastell taħt għajnejja.
Però waħedna ma kellniex ċans li nirbħu u għalhekk kellna bżonn l-għajnuna ta’ xi ħadd b’saħħtu biżżejjed biex jirbħilhom. Ikkuntattjajt lill-Ammirall Ingliż Orazju Nelson, bħalma għamlu l-Maltin, u wara negozjati, bagħtilna l-għajnuna li kellna bżonn. Il-Franċiżi, taħt il-Logutenent Kurunell Lockey, intalbu jċedu u, fuq garanzija li l-Ingliżi jħalluhom jirritornaw lejn arthom, ċedew lill-Kaptan Ingliż Alexander Ball. Hekk, nhar it-28 t’Ottubru tal-istess sena, aħna l-Għawdxin ħlisna mill-Franċiżi sentejn qabel ħutna l-Maltin.
Wara li telqu l-Franċiżi, Għawdex sar awtonomu. Jien mexxejt lil art twelidi bħala territorju indipendenti, protettorat fir-Renju ta’ Sqallija u Napli. Imma din is-sitwazzjoni damet biss tnejn u għoxrin xahar, għaliex meta l-Franċiżi telqu minn Malta, iż-żewġ gżejjer għaddew f’idejn l-Ingliżi. Għawdex reġa’ sar parti minn Malta nhar id-19 t’Awwissu, 1801.
Dan il-monument f’ġieħi sar mill-artist Għawdxi Michael Camilleri Cauchi, b’xogħol fil-bronz minn Joe Chetcuti. Il-bust inkixef mill-President ta’ Malta Dr. Eddie Fenech Adami fl-14 ta’ Diċembru, 2005.
This post is also available in: English