Ir-Ravelin, fit-triq prinċipali li twassal għaċ-Ċittadella ta’ Għawdex, dan l-aħħar għadda minn proċess ta’ restawr u rijabilitazzjoni. Iz-zona tat-turf fil-quċċata tal-istruttura kellha tiġi eliminata peress li s-sistema tat-tisqija tagħha kienet qed toħloq ħsarat serji fil-ħitan ta’ madwarha u fil-ħajt Ruman ta’ taħt li ġie żvelat waqt skavi arkeoloġiċi. Sar ukoll waterproofing fuq sodda tal-konkos u pavimentar tar-Ravelin kollu b’ġebel iebes. L-aħħar fażi kienet tinkludi r-restawr u l-manutenzjoni tal-ħitan ta’ barra. Minħabba s-sensittività tas-sit, ix-xogħol kollu sar b’konsultazzjoni kontinwa mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
Maż-żmien il-binja strateġika tar-Ravelin ġiet modifikata ħafna drabi u issa bilkemm tingħaraf minn dik oriġinali mibnija mill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Oriġinarjament kellha tmien embrasures, erbgħa fuq kull wiċċ. L-istruttura nbniet fuq il-fdalijiet ta’ fdalijiet medjevali.
Dan ir-restawr fuq ir-Ravelin huwa parti żgħira minn programm sħiħ ta’ manutenzjoni u restawr li d-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex iwettaq fiċ-Ċittadella matul is-sena kollha.