Jiena l-Monsinjur Luigi Vella, magħruf aktar bħala Dun Alwiġ ta’ Savina. Twelidt fl-10 ta’ Diċembru 1859. Wara l-edukazzjoni primarja u dik sekondarja, dħalt is-Seminarju, dakinhar immexxi mill-Ġiżwiti. Mort tajjeb fl-istudji klassiċi u l-filosofija. Meta temmejt l-istudji tiegħi, bdejt kors fit-Teoloġija. Ġejt ordnat saċerdot mill-Isqof Pietru Pace fil-Katidral t’Għawdex, fid-19 ta’ Diċembru,1882.
Sa mill-bidu tas-saċerdozju tiegħi urejt ħila bħala predikatur elokwenti u għaref. Minħabba f’hekk, il-Ġiżwiti mill-ewwel ħatruni għalliem fis-Seminarju u Prefett ta’ sezzjoni mill-istudenti tal-kulleġġ. Madankollu ma domtx f’din il-kariga għaliex fl-1887 ġejt maħtur kappillan tal-Victoria Civil Hospital u domt f’din il-ħatra tnax-il sena.
Waqt li kont kappillan tal-isptar, xorta waħda bqajt nistudja u fl-1900 ħadt dottorat fis-Teoloġija Sagra. Fl-istess sena sirt Kanonku Teologu tal-Katidral t’Għawdex. Domt f’din il-kariga sal-1923 meta, imbagħad, sirt l-Arċidjaknu tal-istess Katidral.
Kont ta’ sikwit nintalab nipprietka fid-diversi knejjes t’Għawdex u kultant f’Malta wkoll. L-okkażjonijiet li għalihom kont nipprietka kienu varji, imma l-aktar li kont nipprietka kien matul ir-Randan u waqt irtiri spiritwali.
Ħajti kienet marbuta mal-knisja ċkejkna magħrufa bħala Ta’ Savina u għal din il-knisja ddedikajt ħajti kollha. Bis-saħħa tiegħi saret santwarju tad-devozzjoni perpetwa tal-Ewkaristija. Hemmhekk, permezz tal-eżempju u l-kitbiet tiegħi, xerridt id-devozzjoni lejn is-Santissimu Sagrament.
Kont ukoll kittieb u ħallejt ħafna xogħlijiet imxerrda f’diversi perjodiċi, l-aktar fid-Devot ta’ Marija. Għalkemm perjodiku ta’ xeħta reliġjuża, fih wieħed isib artikli ta’ natura soċjali u aħbarijiet lokali u għalhekk illum hu sors ta’ informazzjoni għal kull min jistudja s-soċjetà Għawdxija ta’ żmieni. Ippubblikajt ukoll numru ta’ kotba qosra dwar il-ħajja tal-qaddisin u ktibt tliet rumanzi storiċi-romantiċi għall-qari tal-mogħdija taż-żmien.
Dan il-monument li jfakkar ħidmieti, xogħol l-artist Alfred Camilleri Cauchi u maħdum fil-bronż minn Funderia Domusdei, inkixef nhar is-26 ta’ Ġunju 2015 mill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Dr. Anton Refalo wara inizjattiva tal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
This post is also available in: English