Jisimni Salvatore Portelli, imma f’San Lawrenz kulħadd kien jafni bħala Dun Salv. Twelidt l-Għarb nhar it-8 t’Ottubru, 1864. F’żgħożiti wrejt il-ħajra li nsir saċerdot u għalhekk bdejt nattendi s-Seminarju t’Għawdex meta dan kien immexxi mill-Ġiżwiti Sqallin. Ġejt ordnat saċerdot nhar l-20 ta’ Novembru 1887.
Fl-1890, ġejt maħtur prokuratur tal-knisja ta’ San Lawrenz, fl-istess sena meta lħaqt Teologu tal-Kolleġġjata tal-Għarb. Imbagħad, fl-1893, inħtart l-ewwel kappillan ta’ San Lawrenz meta r-raħal sar parroċċa għalih. Bqajt nokkupa din il-kariga ta’ kappillan sal-aħħar ta’ ħajti. L-Isqof Giovanni Maria Camilleri u l-Isqof Mikiel Gonzi kienu jirrispettawni ħafna.
Kemm domt kappillan ta’ San Lawrenz għamilt minn kollox biex insebbaħ il-knisja afdata f’idejja. Meta wieħed iqis li r-raħal kien wieħed agrikolu u li l-finanzi ma kinux daqstant abbundanti, il-knisja xorta waħda rnexxielha tgawdi mix-xogħol ta’ artisti kbar bħal Giuseppe Calì, Attilio Piombi, Abram Gatt u Pio Cellini u tal-iskultur Carlo Darmanin. Dawn l-opri artistiċi ħallew marka indellibli fuq il-viżjoni artistika u l-identità kollettiva tal-knisja ta’ San Lawrenz. Is-sbuħija ta’ dawn l-opri tista’ titgawda s-sena kollha, imma tidher b’mod speċjali nhar il-festa tar-raħal.
Billi domt kappillan għal aktar minn 40 sena, nista’ ngħid li kelli influwenza mhux biss fuq x’jiġri ’l ġewwa mill-bibien tal-knisja parrokkjali, imma wkoll fuq it-tibdil urban li beda jseħħ fir-raħal. Barra minn hekk, kont responsabbli wkoll għall-kitba tal-unika storja li teżisti dwar il-parroċċa u l-proġetti artistiċi tagħha. Għalhekk nista’ ngħid li kont jien li ddokumentajt u ppreservajt il-memorja kollettiva tal-membri tal-parroċċa tagħna fl-arkivji ta’ din l-istess parroċċa.
Dan il-bust sar minn Alfred Camilleri Cauchi fuq disinn ta’ Noel Formosa u ġie inawgurat mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, nhar it-3 ta’ Ġunju 1999.
This post is also available in: English