L-akkwadott, li jinsab barra mil-limiti tar-Rabat, u li nbena mill-Ingliżi bejn l-1839 u l-1843 biex jittrasportaw l-ilma mill-għejun tal-Mixta u Għar Ilma, għal Pjazza Savina, fir-Rabat, u aktar tard għall-ġibjuni taħt iċ-Ċittadella, jinsab fil-proċess li jiġi rrestawrat mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Meqjus bħala waħda mill-ikoni ta’ Għawdex, studji riċenti urew li dawn l-istrutturi, minħabba riżultat ta’ telqa u negliġenza tul snin twal, jinsabu fil-periklu ta’ kollass.

Minn investigazzjonijiet preliminari, irriżulta li diversi sezzjonijiet tal-istruttura oriġinali kienu neqsin, filwaqt li meded sostanzjali tal-istrutturi li kienu għadhom wieqfa kienu qed jesperjenzaw problemi strutturali. Diversi partijiet kienu qed ixaqilbu, filwaqt li mill-inqas tliet arkati kienu fil-periklu li jaqgħu. Għaldaqstant, il-Ministeru għal Għawdex ma kellu l-ebda għażla oħra ħlief li jibda r-restawr tas-sit qabel ma tiġi kkawżata ħsara irriversibbli. L-investigazzjonijiet ġeoloġiċi tul il-kors kollu tal-akkwedott tlestew fl-2021, u sussegwentement ġie installat sostenn temporanju taħt l-arkata prinċipali sabiex tiġi kkonsolidata l-istruttura eżistenti. Tfassal tender għar-restawr proprju tal-akkwedott, li eventwalment ġie assenjat. Bħalissa, il-proġett jinsab fl-istadju tal-eżekuzzjoni. Il-passi ewlenin li nkisbu huma dawn: tneħħew is-siġar, l-arbuxxelli u l-għollieq kollha li kienu kibru tul l-akwedott; il-partijiet tal-akkwedott li kienu waqgħu ġew imqiegħda fuq pallets; saru stħarriġiet fotogrammetriċi tridimensjonali tal-fdalijiet; u bħalissa qed isiru stħarriġiet tridimensjonali bl-użu ta’ skanners bil-lejżer.

This post is also available in: English