Jisimni Anton Buttigieg u jien it-tieni President tar-Repubblika ta’ Malta. Twelidt il-Qala, Għawdex, nhar id-19 ta’ Frar, 1912. Irċevejt l-ewwel edukazzjoni tiegħi fl-Iskola Primarja tal-Qala u wara fis-Seminarju t’Għawdex. Aktar tard bdejt nattendi l-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, Malta. Wara kors l-Università Rjali ta’ Malta, iggradwajt fit-Teoloġija. Imbagħad komplejt nistudja l-Liġi u ggradwajt bħala avukat.
Dħalt fil-politika fl-1951 mal-Partit Kostituzjonali ta’ Lord Strickland, imma fl-1955 ħriġt mal-Partit Laburista. Sirt membru parlamentari fl-1956. Għal sentejn kont il-president tal-partit u wara sirt deputat mexxej tal-Partit Laburista. Meta l-partit immexxi minn Dom Mintoff tela’ fil-gvern fl-1971, inħtart Ministru tal-Ġutizzja u tal-Parlament, u Deputat Prim Ministru.
Fis-27 ta’ Diċembru tal-1976 inħtart President ta’ Malta u domt f’din il-kariga sal-1982. Fi żmien il-Presidenza tiegħi Malta ma baqgħetx bażi militari. Il-forzi armati Ingliżi telqu nhar il-31 ta’ Marzu 1979, jum li baqa’ magħruf bħala Jum il-Ħelsien.
Barra l-politika, kont ninteressa ruħi ħafna fil-Malti, ilsien pajjiżi. Bdejt nikteb il-poeżiji fl-1929 fil-Pronostku Malti. Kont wieħed mill-membri tal-Għaqda tal-Malti (Università) imwaqqfa minn Rużar Briffa u kont ukoll membru tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, illum l-Akkademja tal-Malti. Bqajt magħruf bħala l-Poeta tan-Natura minħabba li ktibt ħafna poeżiji fuq dan is-suġġett. Ktibt ukoll ħafna eleġiji sbieħ u anke poeżiji umoristiċi, u kont l-ewwel wieħed li esperimentajt bit-tanka u l-ħajku Ġappuniżi. Il-poeżiji tiegħi ppubblikajthom f’għadd ta’ antoloġiji. Permezz ta’ dawn il-poeżiji rbaħt għadd ta’ premjijiet letterarji prestiġjużi.
Ktibt ukoll l-awtobijografja fi tliet volumi. Semmejtha Toni tal-Baħri, kif kont magħruf fil-Qala meta kont tifel, billi missieri kien baħħar. Fiha rrakkuntajt dak kollu li għaddejt minnu u li rajt iseħħ matul ħajti.
Dan il-bust imwaqqaf f’ġieħi kien iddisinjat minn Silvana Aquilina, waqt li x-xogħol fil-bronż sar minn binti Maryrose Caruana, mart iċ-ċeramista Gabriel Caruana. Inkixef f’Jannar tal-2004 mill-Prim Ministru l-Onor. Dr. Eddie Fenech Adami.
This post is also available in: English