Jisimni Nicholas Monsarrat. M’iniex Għawdxi, imma lil din il-gżira ħabbejtha bħala t-tieni dar tiegħi. Jiena kittieb Ingliż u għamilt isem bir-rumanzi tiegħi marbuta mal-baħar. Twelidt f’Liverpool, l-Ingilterra u ħadt l-edukazzjoni tiegħi f’Winchester College u Trinity College f’Cambridge. Fil-bidu kelli l-ħsieb li nsir avukat, imma minflok iddeċidejt li naħdem bħala awtur. Mort ngħix Londra fejn bdejt naħdem bħala korrispondent tal-gazzetti. Matul is-snin li dont naħdem hemm, bejn l-1934 u l-1939, ktibt erba’ rumanzi u dramm.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija servejt fin-Navy Ingliża, fir-Royal Naval Volunteer Reserve. Billi kont inħobb ħafna t-tbaħħir, servejt bħala uffiċjal u kelli karriera distinta fuq vapuri tal-gwerra żgħar f’xogħol marbut mal-konvojs biex nipproteġuhom mill-attakki tal-għadu. Din il-karriera influwenzat ħafna l-kitbiet tiegħi ta’ wara l-gwerra, fosthom l-aktar rumanz famuż, The Cruel Sea.
Wara l-gwerra għamilt numru ta’ snin fis-servizz diplomatiku u servejt f’diversi bliet kbar madwar id-dinja. Fl-1959 iddeċidejt li niddedika ħini kollu għall-kitba. Fis-snin li ġew wara għext f’diversi postijiet sakemm fl-1968 spiċċajt ngħix f’Għawdex, sewwa sew f’San Lawrenz. Kemm il-post u kemm il-komunità tar-raħal għoġbuni tant li ħassejtni ta’ ġewwa magħhom.
Kemm dont ngħix f’San Lawrenz ktibt The Kappillan of Malta li ġie stampat fl-1973. L-istorja tittratta dwar ġrajjet Malta matul it-Tieni Gwerra Dinjija, bil-protagonista jkun saċerdot qalbieni u ħanin, Dun Salvatore, u l-ħidma erojka tiegħu fost ħutu l-Maltin matul dawk is-snin ħorox ta’ attakki ma jaqtgħu xejn tal-għadu. Il-ġrajja narawha sseħħ f’irħula u nħawi Maltin u Għawdxin, u d-diversi karatti li niltaqgħu magħhom juru kemm il-kittieb kien sar jaf tajjeb lill-abitanti ta’ dawn il-ġżejjer.
Dan il-monument, disinn tas-Sindku Noel Formosa u xogħol Alfred Camilleri Cauchi, inkixef mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex nhar l-4 t’April, 2003. Hu xhieda tal-ħbiberija u r-rispett reċiproku bejni u l-komunità ta’ San Lawrenz.
This post is also available in: English