Il-mudell tal-bronż fuq is-saqaf taċ-Ċentru tal-Viżitaturi fiċ-Ċittadella, inizjalment sar fil-plastik minn Createit-studio permezz ta’ skan 3D preċedenti taċ-Ċittadella li kien sar mill-Prof. Saviour Formosa mill-Univ. ta’ Malta. Ladarba l-mudell artistiku 3D fil-plastik, ta’ madwar 160cm kwadrat, ġie stampat, intbagħat lid-Domus Dei Fonderia Artistica 1963 f’Ruma biex isir fil-bronż. Il-pedestall tal-ġebel sar mill-ħaddiema tar-Restoration Unit u tal-Uffiċċju Amministrattiv taċ-Ċittadella, ilkoll fi ħdan id-Direttorat għall-Wirt Kulturali. Matul il-proċess kollu saru konsultazzjonijiet kemm mal-SCH (Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali) kif ukoll mas-CRPD (Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità). L-ispiża totali kienet ta’ madwar €80,000.00.
L-iskrizzjonijiet fil-ġnub tal-monument jinkludu storja qasira taċ-Ċittadella, bil-Malti, bl-Ingliż u bil-Braille, b’din tal-aħħar issir bl-appoġġ tal-FITA (Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija tal-Informatika).
Minn issa ’l quddiem, is-sbuħija taċ-Ċittadella mhux se tibqa’ moħbija minn min hu nieqes mid-dawl. Għal kulħadd, dan il-mudell għandu jkun oġġett ta’ sbuħija fih innifsu, xi ħaġa li għandha ttejjeb l-esperjenza ta’ kull żjara fiċ-Ċittadella.
Ir-ritratti li jsegwu jixhdu uħud mid-diversi stadji sabiex seta’ sar dan il-monument.
This post is also available in: English