Minħabba l-qagħda ġeografika tagħha, Malta, gżira żgħira f’nofs il-Mediterran, kienet influwenzata b’mod konsiderevoli mill-kultura Taljana. Dan jgħodd, b’mod partikulari fejn tidħol l-opra. Sa mill-1631, fuq stedina tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, numru ta’ artisti, inkluż kantanti u mużiċisti, waslu Malta minn Sirakuża biex itellgħu drammi per musica. It-Teatru Manoel fil-Belt Valletta (it-tielet l-eqdem teatru li għadu funzjonabbli fl-Ewropa), magħruf ukoll bħala Teatro Pubblico, sa mill-1736 kien jippreżenta opri barokki, inklużi dawk miktuba mill-kompożitur Malti Nicolò Isuoard (1775-1818). Imbagħad, nhar id-9 t’Ottubru 1866, ġie inawgurat fil-Belt Valletta r-Royal Opera House, post aktar spazjuż, iddisinjat minn Edward Middleton Barry.
Mal-qerda tar-Royal Opera House fit-Tieni Gwerra Dinjija, Malta tilfet postha bħala ċentru tal-opra fil-Mediterran. Wara l-gwerra, diversi kumpaniji operistiċi komplew jippreżentaw produzzjonijiet ftit jew wisq aċċettabbli f’teatri iżgħar, bħall-Orpheum tal-Gżira, il-Gaiety f’Tas-Sliema, ir-Radio City fil-Ħamrun u, ovvjament, fit-Teatru Manuel.
Dan il-vojt imtela parzjalment permezz tal-inawgurazzjoni tat-Teatru tal-Opra Aurora f’Għawdex, nhar id-9 t’Ottubru 1976. Dan kien avveniment importanti u uniku fil-Gżejjer Maltin – it-twelid mill-ġdid tal-opra f’dawn il-gżejjer. L-ewwel opra li qatt ittellgħet f’Għawdex, Madama Butterfly ta’ Giacomo Puccini, kienet ippreżentata hawn nhar is-7 u t-8 ta’ Jannar 1977. It-Teatru Astra, oriġinalment inawgurat nhar l-20 ta’ Jannar 1968, daħal fid-dinja tal-produzzjoni operistiċi nhar il-15 u s-16 ta’ Settembru 1978 bir-Rigoletto ta’ Giuseppe Verdi u Il Barbiere di Siviglia ta’ Rossini rispettivament.
Matul is-snin, numru ta’ kantanti ta’ fama mondjali taw sehemhom fiż-żewġ teatri. Fost dawn il-kantanti famużi nsibu lil Nicola Rossi-Lemeni, Aldo Protti, Ghena Dimitrova, Nicola Martinucci, Raina Kabaivanska, Eva Marton, Maria Guleghina, Juan Pons u l-Maltin Miriam Gauci u Joseph Calleja.
minn Joseph Debrincat
maqlub għall-Malti minn Carm C. Cachia
Video / Sound Clips:
“Tre Sbirri, una carrozza…” from Tosca by Giacomo Puccini – Aurora Opera House (2020). Luca Gallo (Scarpia), Aurora Opera Chorus, Malta Philharmonic Orchestra, Colin Attard (conductor), Luke Azzopardi (costumes), Andrew Borg Wirth (set designs),Vivien Hewitt (stage director). Video Credits: PBS Ltd, Malta.
“Love Duet” and “Un bel dì” from Madama Butterfly by Giacomo Puccini – Astra Theatre (2012). Daniela Dessì (Cio-Cio San), Fabio Armiliato (Pinkerton), Malta Philharmonic Orchestra, Joseph Vella (conductor), George Farrugia & Manuel Grima (costumes), Joseph Cauchi (scenography), Enrico Stinchelli (artistic director). Video Credits: CVC Media & PBS Ltd, Malta.
Photo credits: Joe Attard
AIDA at Aurora Theatre – Facebook page
CARMEN at Astra Theatre – Facebook page
This post is also available in: English