Skip to main content

Audio Audio

Rebbieħa op. 45 - Sofia Symphony Orchestra conducted by Joseph Vella
Rapsodija Maltija op. 26 - Tatjana Chircop (Violin) & Natascha Chircop (piano)
Il-Kebbies tal-Fanali op. 18 - Lyrics by Anton Buttigieg Miriam Cauchi (soprano) & Maria Frendo (piano)
Sarabanda op. 73 - Malta Philharmonic conducted by Joseph Vella

Joseph Vella twieled il-Belt Victoria, Għawdex, nhar id-9 ta’ Jannar, 1942 u hu meqjus bħala l-aktar kompożitur kontemporanju Malti ta’ fama mondjali. Nistgħu ngħidu li x-xogħlijiet tiegħu huma l-aktar xogħlijiet ta’ kompożitur Malti li huma interpretati  madwar id-dinja. Il-mużika tiegħu tindaqq b’mod regolari fi bliet u lokalitajiet prestiġjużi fid-dinja (New York, San Pietroburgo, Dubai, eċċ.), barra li xxandret fuq kanali televiżivi popolari bħal ARTE. Joseph Calleja, it-tenur ta’ fama internazzjonali li għamel id-debutt operistiku tiegħu ma’ Maestro Vella fit-Teatru Astra, ta ġieħ lil Maestro Vella meta ddeskrivieh bħala wieħed mill-ulied l-aktar maħbuba ta’ Malta permezz tat-talent mużikali tiegħu li jħabbatha mal-akbar kompożituri tad-dinja.

Maestro Vella beda jikkomponi ta’ età żgħira, taħt id-direzzjoni ta’ missieru, Mro. Ġanni Vella. Meta kien għadu student fil-Liċeo t’Għawdex, ikkompona Innu lil Għawdex fuq lirika ta’ Ġorġ Pisani. Il-katalgu uffiċjali tax-xogħlijiet tal-Professur Vella jgħodd mal-155 kompożizzjoni mużikali (minbarra 150 xogħlijiet minuri) li jvarjaw minn musica da camera, mużika korali u xogħlijiet sagri, sa xogħlijiet sinfoniċi maġġuri, kunċerti u marċijiet għall-banda. L-aħħar xogħol uffiċjali tiegħu – Op.155 – hu  l-opra tant mistennija, Valeriana, li tħalliet mhix lesta minħabba mewtu, imma li tkompliet minn wieħed mill-istudenti tiegħu.

Bħala direttur, Vella għandu repertorju wiesa’. Kien mistieden jikkollabora ma’ ħafna orkestri (Sofia Philharmonic Orchestra, Prometheus Symphony Orchestra ta’ New York, Orquestra Nacional do Porto, Orchestra “Goffredo Petrassi” ta’Ruma, “Gli Armonici” di Palermo, The Yamaha Foundation Symphony Orchestra, eċċ.). Is-sensittività u l-intuwizzjoni istintiva tiegħu bħala surmast kienu rikonoxxuti minn diversi artisti – Cecilia Gasdia, sopran ta’ fama mondjali, stqarret li “Joseph Vella hu wieħed mill-ftit surmastrijiet li naf li miegħu lesta li nkanta opra sħiħa bla ma jkolli bżonn provi minn qabel!” Matul l-assoċjazzjoni twila u produttiva tiegħu mal-Malta Choral Society, introduċa wkoll lil Malta uħud mill-aktar xogħlijiet korali kbar mir-repertorju tradizzjonali u kontemporanju: ir-Requiem ta’ Mozart, il-Choral Symphony ta’ Beethoven, il-Carmina Burana ta’ Orff, il-Ballad of Heroes ta’ Britten, it-Te Deum ta’ Bruckner u ċ-Chichester Psalms ta’ Bernstein.

F’Għawdex, il-Professur Vella kien id-Direttur Mużikali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u tat-Teatru Astra għal kważi ħamsin sena, fejn mexxa wkoll numru ta’ opri. Serva wkoll bħala maestro di cappella tal-Bażilika ta’ San Ġorġ li għaliha kkompona l-popolari Missa in D Major –  Op. 20. Hu kien ukoll id-Direttur Artistiku tal-Victoria International Arts Festival (VIAF) sa mill-ħolqien tiegħu.

Minħabba li kien tal-ewwel li ħadem u wera interess fil-mużika Maltija bikrija, li hu editja, esegwixxa u ppromwova kemm f’Malta u anke barra, Vella bi dritt jitqies bħala missier il-moviment għall-qawmien mill-ġdid tal-mużika Maltija bikrija. Joseph Vella kien ukoll Professur tal-Mużika fl-Università ta’ Malta, l-ewwel kap u ko-fundatur tal-Iskola tal-Mużika ta’ Malta u l-ewwel surmast residenti tal-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta.

Bosta mix-xogħlijiet tiegħu huma ppublikati f’diversi media:  www.josephvella.com.mt

minn Alan and Nikki Vella
maqlub għall-Malti minn Carm C. Cachia

Photo Credits: Sam Cefai
Sound Clips:
Rebbieħa op. 45 – Sofia Symphony Orchestra conducted by Joseph Vella
Rapsodija Maltija op. 26 – Tatjana Chircop (Violin) & Natascha Chircop (piano)
Il-Kebbies tal-Fanali op. 18 – Lyrics by Anton Buttigieg, Miriam Cauchi (soprano) & Maria Frendo (piano)
Sarabanda op. 73 – Malta Philharmonic conducted by Joseph Vella

This post is also available in: English

Gallery Gallery

Musical Bench Location Joseph Vella – kompożitur, surmast u mużikologu Musical Bench Location

Villa Rundle Gardens, Triq Ninu Cremona, Victoria, Malta
Skip to content