Fl-okkażjoni tal-470 anniversarju mill-ġrajja storika tal-Assedju tal-1551, li bla dubju tista’ titqies bħala l-akbar traġedja għal Għawdex fl-aħħar millennju, id-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ippubblika ktejjeb illustrat.
Dak iż-żmien, Għawdex kien kważi tbattal mill-ġenerazzjonijiet – madwar 5,000/6,000 ruħ ġew imkaxkra fil-jasar mill-qawwa Ottomana. Ftit irnexxielhom jaħarbu minn din it-traġedja u l-istoriċi jgħallmuna li Għawdex dam madwar mitt sena biex jirkupra u jerġa’ lura għal dak li kien qabel f’termini ta’ popolazzjoni.
Għaliex jitfakkar avveniment traġiku bħal dan? It-tweġiba hija sempliċi. Kull ġrajja relatata ma’ gżiritna ħalliet marka fuq il-karattru distint u uniku ta’ Għawdex. Dan huwa dak li jagħmilna dak li aħna llum – nies reżiljenti u perseveranti. Importanti ħafna li dan il-messaġġ jasal lil uliedna.
Il-kitba tal-istorja ġiet fdata lis-Sur Carm C. Cachia filwaqt li l-illustrazzjonijiet huma l-aktar mill-pittur Għawdxi Kav. Paul Camilleri Cauchi. Dan il-ktejjeb storiku bil-Malti tqassam b’xejn lill-istudenti tar-raba’, il-ħames u s-sitt sena fl-iskejjel primarji kollha ta’ Għawdex, kemm dawk tal-Istat kif ukoll tal-Knisja.
This post is also available in: English