Id-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex poġġa 4 bankijiet qrib il-funtana fil-pjazza prinċipali taċ-Ċittadella. L-Uffiċċju Amministrattiv taċ-Ċittadella kien ilu jirċievi feedback kontinwu dwar il-bżonn ta’ bankijiet, kemm mit-turisti kif ukoll min-nies tal-post. U l-idea kienet li nimxu fuq il-prassi komuni fil-bliet Ewropej. Minbarra li jservu ta’ serħan għall-poplu, dawn il-bankijiet jagħtu dehra iktar rikka lill-istess pjazza.

Saru taħditiet mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, inħarġet tender, intagħżel il-kuntrattur, u sar il-proċess tal-manifatturar tal-bankijiet, li tajjeb wieħed jgħid li ser ikunu uniċi għal din il-pjazza. Il-bankijiet huma magħmula minn irħam, injam u b’dahar tal-ħadid b’disinn li juri t-Tliet Għoljiet. Id-disinn hu xogħol Creatit Studio.

This post is also available in: English