Ġew imġeddin il-Partnership Agreements bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u l-Organizzazzjoni Volontarja Wirt Għawdex li permezz tagħhom din l Organizzazzjoni Volontarja ser tħares u tipproteġi ħames siti storiċi importanti li nsibu f’Għawdex għat-tgawdija tal-ġenerazzjonijiet futuri u ser tipprovdi aċċess fiżiku u intellettwali għalihom.
Dawn il-Partnership Agreements, li ser ikopru perjodu ta’ għaxar snin, ser jikkontribwixxu għat-titjib, riabilitazzjoni u restawr tal-wirt kulturali tanġibbli, ser itejbu l-immaniġġjar tal-istess siti u ser iżidu l-apprezzament u l-fehim tal-wirt arkitettoniku tagħna.
Dan l-iffirmar tal-lum juri biċ-ċar l-inpenn tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-wirt kulturali tagħna u fl-istess waqt hu eżempju tas-sostenn li l-istess Ministeru jagħti lill-Għaqdiet Volontarji fil-ħidma tagħhom b’risq wirt artna. Permezz ta’ dawn il-Partnership Agreements aktar nies, inkluż residenti Għawdxin, isiru jafu aktar b’dawn is-siti storiċi u l-istorja abbinata magħhom.
Is-siti huma x-Xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija fit-telgħa taċ-Ċittadella, il-Batterija, il-Porvlista u x-Xelters fiċ-Ċittadella, Dar il-Gvernatur fi Triq l-Imġarr, Victoria, li qed isservi bħala Kwartieri Ġenerali tal-istess NGO, it-Torri ta’ Mġarr ix-Xini, u l-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, f’Għajnsielem, l-unika kappella medjevali li għadha teżisti f’Għawdex, u li fiha ġew iffirmati l-Partnership Agreements.
This post is also available in: English