Dawn iż-żewġ niċeċ, waħda ta’ Sant’Anna u l-oħra tal-Madonna tas-Solitudni, huma fost l-eqdem f’Għawdex u jirriflettu kult ta’ devozzjoni mifrux mill-Aragoniżi matul is-seklu 13 u 14. Dawn in-niċeċ kien jeħtiġilhom xogħlijiet ta’ restawr sabiex mhux biss jiġu mħarsa minn iktar deterjorazzjoni imma anke l-madwar tagħhom jingħata dehra aħjar. Tneħħew żewġ holders tal-lampi tax-xemgħa li s’issa kienu mdaħħla u mwaħħla mal-frejms tas-soll tal-ġebel tan-niċeċ permezz ta’ katnazzi, li dehru intrużivi ħafna. Żewġ ħofor tal-ħitan eżatt faċċata ta’ dawn in-niċeċ rispettivi, waħda minnhom kienet issiġillata bis-siment, li oriġinarjament kienu maħluqa u użati għaż-żamma ta’ lampi taż-żejt u xemgħat, ġew riabilitati. Sar restawr ukoll tal-frames tal-injam kif ukoll tal-ġebel fuq is-saqaf tan-niċċa tal-Madonna tas-Solitudni. Dan ir-restawr sar b’konsultazzjoni kontinwa mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u twettaq mill-ħaddiema tar-Restoration Unit u taċ-Ċittadella, ilkoll fi ħdan id-Direttorat għall-Wirt Kulturali.

This post is also available in: English