Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella

Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi jinsab fil-post fejn fl-1877, l-Ingliżi kienu bnew żewġ ġibjuni għall-ħażna tal-ilma, f’parti mill-Foss taċ-Ċittadella. Il-Masterplan taċ-Ċittadella rrakkomanda li ż-żewġ ġibjuni jinbidlu f’Ċentru għall-Viżitaturi sabiex joffru faċilitajiet ta’ interpretazzjoni dwar diversi aspetti taċ-Ċittadella. Fl-aħħar snin twettqu bosta xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq l-istruttura oriġinali bħala parti mill-proġett “L-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Masterplan taċ-Ċittadella – ERDF 246”, li kien kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi hu maqsum f’żewġ sezzjonijiet ewlenin. L-ewwel sezzjoni toffri numru ta’ skrins interattivi u tabelli informattivi li jittrattaw diversi aspetti taċ-Ċittadella, fosthom l-evoluzzjoni tal-fortizza, in-natura, l-istorja militari, l-istorja ekkleżjastika, kif ukoll dik ċivili. It-tieni sezzjoni nbidlet f’teatru awdjoviżiv, fejn il-viżitaturi jistgħu jaraw filmat ta’ tmien minuti dwar il-mumenti ewlenin tal-istorja millenarja tal-Belt il-Qadima. L-informazzjoni kollha hija disponibbli fi tmien lingwi.

Ixtri l-biljett kombinat taċ-Ċittadella onlajn

Wieħed jista’ jixtri l-biljett permezz tal-pjattaforma onlajn ta’ Heritage Malta li tinsab hawn taħt.

Ixtri l-Biljett

Meta tixtri l-biljett onlajn tkun qed tiffaċilità x-xogħol tal-istaff tagħna u tista’ tevita kwalunkwè kju li jista’ jkun hemm. Kemm il-biljetti stampati kif ukoll dawk diġitali xorta waħda jridu jiġu ppreżentati fl-entratura taċ-Ċentru sabiex jiġu skenjati u verifikati.

Ibbukkja ż-żjara tal-iskola
jew tal-grupp tiegħek

Gruppi organizzati minn istituzzjonijiet edukattivi, kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi (NGO’s) u huma rreġistrati jingħataw dħul bla ħlas fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella. Madanakollu, dawn il-konċessjonijiet ma japplikawx għal organizazzjonijiet li jista’ jkollhom interessi kummerċjali. Dawk interessati għandhom jibbukkjaw minn qabel sabiex jibbenefikaw minn dawn il-konċessjonijiet billi jibagħtu talba formali lil:

cittadellagozo@gov.mt

Tweġiba tingħata fi żmien jumejn tax-xogħol.

Dħul bla ħlas fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella jingħata wkoll lill-istudenti, lill-anzjani u lill-persuni li jakkumpanjawhom, li jipparteċipaw fl-iskema tal-Passaport ta’ Heritage Malta.

Ikkuntattjana

Għal kwalunkwe mistoqsija dwar iċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella jekk jogħġbok ikkuntattjana permezz tal-kanali li ġejjin

Front Desk:
22156507 / 2215 6452​

Ħinijiet tal-Ftuħ

JANNAR U FRAR:
Miftuħ it-Tlieta u mill-Ħamis sal-Ħadd, mid-09:00 sas-17:00 (l-aħħar dħul fis-16:30)
Magħluq nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Erbgħa

MINN MARZU SA DIĊEMBRU:
Miftuħ mit-Tlieta sal-Ħadd, mid-09:00 sas-17:00 (l-aħħar dħul fis-16:30)
Magħluq nhar ta’ Tnejn

Magħluqin fl-1 ta’ Jannar, il-Ġimgħa l-Kbira u fl-24, il-25 u l-31 ta’ Diċembru.

Mistoqsijiet Frekwenti

Hawnhekk għandek issib tweġibiet għall-mistoqsijiet li s-soltu jiġu mistoqsija dwar il-post, il-biljetti tad-dħul, il-konċessjonijiet u informazzjoni oħra meta żżur iċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella. Jekk ma ssibx it-tweġiba għall-mistoqsija speċifika tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-uffiċċju tagħna billi tibagħtilna imejl fuq: cittadellagozo@gov.mt.

X’joffri ċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella?

  • L-ewwel zona tinkludi diversi skrins interattivi u stampati, li jittrattaw aspetti differenti taċ-Ċittadella bħall-evoluzzjoni tas-sit, in-natura, l-istorja militari, l-istorja ekkleżjastika u dik ċivili.
  • It-tieni zona ġiet mibdula f’teatru awdjoviżiv fejn il-viżitaturi jistgħu jsegwu filmat ta’ disa’ minuti dwar il-mumenti ewlenin tal-istorja millenarja taċ-Ċittadella. L-informazzjoni kollha hija disponibbli fi tmien lingwi rispettivament.

Fejn jinsab iċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella?

Iċ-Ċentru jifforma parti miż-żewġ ġibjuni tal-ilma tas-seklu 19 li ġew restawrati riċentament, eżattament ħdejn id-daħla prinċipali taċ-Ċittadella. Hu rakkomandat li dawk li jaslu ċ-Ċittadella jibdew iż-żjara tagħhom minn dan iċ-Ċentru sabiex ikollhom idea ġenerali fuq id-diversi aspetti tal-belt fortifikata.

Kif tasal għaċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella?

Mill-Port tal-Imġarr segwi s-sinjali lejn il-Belt Victoria (jew agħmel użu mill-karozza tal-linja numru 301). Fil-Belt Victoria, magħrufa wkoll bħala r-Rabat, kompli miexi fi Triq ir-Repubblika sa Pjazza Indipendenza, magħrufa lokalment bħala ‘It-Tokk’, imbagħad dur fuq il-lemin fi Triq it-Telgħa tal-Belt. Jekk se ssuq minn Pjazza Indipendenza kompli għas-sekwenza li jmiss, Pjazza Savina, idħol l-ewwel triq fuq il-lemin u mbagħad erġa’ idħol l-ewwel fuq il-lemin fi Triq il-Kastell. Dan iwasslek eżattament taħt il-ħitan imponenti taċ-Ċittadella.

Fejn tista’ tipparkja?

Ġaladarba tasal iċ-Ċittadella, is-sewwieqa jistgħu jipparkjaw il-vetturi tagħhom fil-parkeġġ privat taħt il-ħitan tal-fortifikazzjoni. F’dan il-parkeġġ privat ġeneralment japplika tariffa fissa ta’ €2.00 kuljum. Hemm ukoll parkeġġ pubbliku bla ħlas viċin il-veranda tal-Karozzi tal-Linja jew ħdejn il-kumplessi tal-Iskejjel Sekondarji

Hemm racks għar-roti?

Iċ-ċiklisti huma mħeġġa jaqflu r-roti tagħhom fil-bikeracks li jinsabu fuq il-lemin tal-intrata tal-parkeġġ, eżatt ħdejn id-daħla tax-xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija.

F’liema ħinijiet ikun miftuħ iċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella?

JANNAR U FRAR:
Iċ-ċentru ikun miftuħ nhar ta’ Tlieta, u mill-Ħamis sal-Ħadd, bejn id-9:00am u l-5:00pm (L-aħħar dħul ikun fl-4:30pm).
Ikun magħluq nhar ta’ Tnejn u l-Erbgħa.

MARZU SA DIĊEMBRU:
Iċ-ċentru jkun miftuħ mit-Tlieta sal-Ħadd, bejn id-9:00am u l-5:00pm (l-aħħar dħul fl-4:30pm).
Nhar ta’ Tnejn ikun magħluq.

Iċ-Ċentru jkun magħluq fl-1 ta’ Jannar, fil-Ġimgħa l-Kbira, u fl-24, il-25 u l-31 ta’ Diċembru.

Kemm jiswa d-dħul fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella?

Biljett għall-adulti jiswa €5.00. Hemm konċessjonijiet speċjali għall-anzjani, l-istudenti u t-tfal. Biljett għall-istudenti u l-anzjani jiswa €3.50, filwaqt li biljett għat-tfal (bejn is-6 u l-11 -il sena) jiswa €2.50. Tfal taħt is-6 snin jidħlu b’xejn.

Nota: Huwa rakkomandat ħafna li tħallas bil-karta ta’ kreditu jew debit.

Nista’ nixtri biljetti tad-dħul onlajn?

Iva. Tista’ tixtri l-biljett permezz tal-pjattaforma onlajn ta’ Heritage Malta kif ġej:  https://heritagemalta.t/store/c260/

Meta tixtri biljett onlajn tiffaċilità l-operat tal-persunal tas-servizz u tista’ tevita xi kjuwijiet possibbli. Madanakollu, il-biljetti stampati u/jew diġitali xorta għandhom jiġu ppreżentati mal-wasla biex jiġu skenjati u verifikati

Hemm xi konċessjonijiet speċjali għal gruppi jew individwi?

Gruppi organizzati minn istituzzjonijiet Edukattivi, Kunsilli Lokali u Għaqdiet mhux Governattivi (NGO’s) irreġistrati jingħataw dħul bla ħlas fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella. Madanakollu, dawn il-konċessjonijiet ma japplikawx għall-organizzazzjonijiet b’interessi kummerċjali. Min hu interessat għandu jibbukkja minn qabel billi jibagħat talba formali fuq:

cittadellagozo@gov.mt

Wieħed jirċievi tweġiba fi żmien jumejn tal-ġranet tax-xogħol.

Dħul b’xejn fiċ-Ċentru jingħata wkoll lil studenti, anzjani u persuni li jakkumpanjawhom u li jipparteċipaw fl-iskema tal-Passaport ta’ Heritage Malta. HM (Heritage Malta) Passport Scheme.

X’jinkludi dan il-biljett?

Il-biljett jagħti d-dritt lill-viżitaturi biex iżuru ċ-Ċentru (immexxi mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar) u erba’ postijiet oħra fiċ-Ċittadella amministrati minn Heritage Malta: il-Mużew tan-Natura, il-Ħabs l-Antik u d-Dar Storika tal-Gran Kastell.

Dan il-biljett jgħodd għall-Katidral u l-Mużew tiegħu?

Le, dan il-biljett ma japplikax għad-dħul fil-Katidral u attrazzjonijiet oħra bħalma hu l- Mużew tal-Katidral. Biex iżżur dawn il-postijiet trid tixtri biljett differenti mis-sagristija tal-Katidral. Dawn is-siti normalment ikunu magħluqa nhar ta’ Ħadd u fil-Festi Pubbliċi minħabba ċelebrazzjonijiet reliġjużi.

Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi taċ-Ċittadella joffri tours lill-viżitaturi?

Minn żmien għal żmien id-Direttorat għall-Wirt Kulturali joffri tours iggwidati madwar iċ-Ċentru għall-Viżitaturi u l-fortizza taċ-Ċittadella. Normalment, dawn it-tours jiġu offruti lill-mistednin tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar kif ukoll lill-pubbliku ġenerali f’jiem speċjali matul is-sena. Dawn l-opendays jiġu mħabbra minn qabel fuq diversi pjattiformi tal-midja soċjali.

Madanakollu, l-istaff tagħna dejjem lest biex jgħin lil kull viżitatur fiċ-Ċentru u jwieġeb għal kwalunkwè mistoqsija dwar iċ-Ċittadella. Int mistieden tressaq il-mistoqsijiet tiegħek u nwiegħdu li nagħmlu minn kollox biex nagħmlu ż-żjara tiegħek waħda speċjali u memorabbli.

Iċ-Ċentru għall-Viżitaturi fiċ-Ċittadella huwa aċċessibbli għall-persuni bil-wheelchair?

Iva. Il-bini taċ-Ċentru u l-inħawi tiegħu, inkluż id-daħla ewlenija huma aċċessibbli għall-użu tal-wheelchair. Madanakollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li ċ-Ċittadella, bħala belt fortifikata mibnija fuq għolja, kienet maħsuba biex tkun diffiċli biex tidħol fiha. Il-proġett tar-restawr taċ-Ċittadella indirizza din l-isfida billi nstalla lifts u elimina t-turġien minn ħafna mill-passaġġi. Xorta waħda, minħabba l-għoli u l-mogħdijiet wieqfa, dawk li jużaw wheelchair xorta jistgħu jeħtieġu għajnuna biex jimxu madwar is-sit.

Hemm programmi jew tours speċjali għall-viżitaturi b’diżabilità viżiva jew tas-smigħ?

Iva. Iċ-Ċentru hu mgħammar b’għodod speċjali u audio guides għall-viżitaturi bi bżonnijiet differenti. Jekk għandek bżonn għajnuna jew tagħmir speċifiku, staqsi lill-istaff tagħna li se jgħinek f’dak kollu li għandek bżonn.

Jistgħu jidħlu annimali tas-servizz fiċ-Ċentru?

Aħna nilqgħu lill-viżitaturi b’annimali tas-servizz. Mhemmx bżonn tinnotifika minn qabel jekk se tkun akkumpanjat minn annimal tas-servizz. Madanakollu, annimali li l-uniku funzjoni tagħhom hi li jipprovdu kumpanija jew appoġġ emozzjonali mhumiex meqjusa bħala annimali tas-servizz; għalhekk mhumiex permessi.

Huwa permess li tieħu ritratti jew tiffilmja fiċ-Ċentru?

Iva. Ritratti u filmati huma permessi f’konformità mal-GDPR għall-użu personali u mhux kummerċjali. Barra minn hekk, ir-ritratti għandhom jittieħdu bid-dawl naturali tal-post, mingħajr flash, tripods jew selfie-sticks.

Hu permess li jsiru filmati jew ritratti kummerċjali fiċ-Ċentru?

Filmati jew ritratti kummerċjali huma aċċettati fiċ-Ċentru bl-approvazzjoni bil-miktub tal-Amministrazzjoni taċ-Ċittadella minn qabel.

Tista’ żżur il-fortizza taċ-Ċittadella jekk iċ-Ċentru għall-Viżitaturi ikun magħluq?

Iva. Tista’ żżur il-fortizza l-antika anki jekk iċ-Ċentru għall-Viżitaturi ikun magħluq. Ngħarrfek li ċ-Ċittadella hija sit pubbliku u miftuħa għall-pubbliku s-sena kollha, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, mingħajr ħlas. Fil-fatt, mixja madwar iċ-Ċittadella wara nżul ix-xemx hija rakkomandata daqskemm dik matul il-ġurnata. Madanakollu, nissuġġerulek iżżur ukoll l-attrazzjonijiet kulturali tagħha bħalma huma ċ-Ċentru għall-Viżitaturi, il-Mużewijiet ta’ Heritage Malta, il-Katidral u l-Mużew tiegħu, ix-xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija, jew is-Silos tal-Kavallieri. Billi tixtri biljett għall-attrazzjonijiet kulturali, inti qed tgħin direttament fil-manutenzjoni u l-iżvilupp sostenibbli fit-tul tal-fortizza biex tkun tista’ tgawdiha int u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajk.

Iċ-Ċentru tal-Viżitaturi rebaħ bosta premjijiet prestiġjużi

L-Aħjar Proġett ta’ Attrazzjoni għall-Viżitaturi 2017
minn AV Awards f’Londra
Ċertifikat ta’ Eċċellenza għall-2017
minn Trip Advisor
L-Aħjar Għażla bħala Attrazzjoni Turistika 2017
minn Lian Org għaċ-Ċina, il-Ġappun u l-pajjiżi Asjatiċi
Premju TEA
Premju għall-Aħjar Divertiment b’Tema f’Kalifornja
Għażla tal-Vjaġġaturi
minn Trip Advisor fl-2018, 2019, 2020, 2021

This post is also available in: English